bijografija

Victor Fenech Twieled il-Ħamrun fil-11 ta’ Ottubru 1935. Studja l-Liċeo, il-Kulleġġ ta’ St.Michael’s (1953-54), u l-Università ta’ Malta (1960-64) fejn iggradwa cum laude fl-Ingliż, il-Malti u l-Istorja. Fl-1966 intbagħat sena kors fil-kitba u l-produzzjoni tal-kotba fl-Istitut tal-Edukazzjoni tal-Università ta’ Londra, li matulu ħadem għal perjodi qosra ma’ Heinemann Educational u Longmans Green & Co.

Lura Malta ħadem fil-kitba, l-editjar u l-produzzjoni tal-kotba ma’ għadd ta’ pubblikaturi lokali, inkluż is-sensiela Id-Denfil (1974) għad-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Fil-bidu tad-disgħinijiet ħadem għal xi snin bħala pubblikatur mal-Malta University Press, fejn ipproduċa kotba bħal Malta – Six Modern Artists, Studies in Maltese Folklore ta’ Ġuże’ Cassar Pullicini, L-Istudji Kritiċi Miġbura ta’ Oliver Friggieri, Birgu a Maltese Maritime City (2 vol.) u l-antoloġija letterarja Qawsalla.

Irtira mid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni fl-1996 bħala kap ta’ Liċeo Vassalli, wara karriera ta’ ’l fuq minn erbgħin sena li matulha serva fuq bosta bordijiet ta’ reklutaġġ u fuq kumitati ta’ kotba. Minn kmieni kien miġbud lejn id-dinja tal-ġurnaliżmu u ħadem ma’ diversi ġurnali bħala freelance reporter u kritiku tad-drama u taċ-ċinema. Imma l-letteratura minn dejjem kienet taffaxxinah. Għad li ismu marbut primarjament mal-qasam tal-poeżija, bi preferenza għal temi soċjali, f’dawn l-aħħar snin huwa dar għal ġeneru li minn dejjem kien għal qalbu - in-novella – speċifikament fil-qasam hekk imsejjaħ “letteratura pre-adulta”, kitba mmirata lejn it-tfal u l-adoloxxenti.

Fl-1965 Fenech introduċa f’Malta l-“antoloġija maqsuma” permezz ta’ Kwartett, waqt li fl-1974 l-ewwel pubblikazzjonijiet tiegħu fil-qasam tat-tfal – sett ta’ sitt leġendi popolari – rebbħuh it-trofew “Pinna tad-Deheb” , mogħti minn Klabb Kotba Maltin u Barclays Bank International. Premjijiet oħra fis-snin ta’ wara kienu jinkludu l-ġabriet poetiċi L-Aħħar Rími (1997, l-ewwel post) u Għeluq (2005, it-tieni post), kif ukoll Il-Ktieb Malti (2004, it-tieni post) fil-qasam tar-riċerka, u Folktales of the Maltese Islands (2006, l-ewwel post) fil-qasam tat-traduzzjoni – ilkoll fi ħdan il-Premju Letterarju li jinżamm kull sena mill-Kunsill tal-Ktieb Malti.

F’perjodi differenti Fenech kien l-editur ta’ ġurnali letterarji bħal Poet India: Maltese Number (1968), il-polz (1967-70), Poeżija (1973-74), u Sagħtar għal aktar minn tletin sena. Għadd ta’ poeżiji tiegħu bl-Ingliż jinsabu f’London Pictures and other poems maħruġ f’Leicester fl-1976 u f’Limestone 84 waqt il-Konferenza tal-ACLALS f’Malta (1978). Poeżiji oħrajn tiegħu dehru f’rivisti u kotba barranin, fosthom Poèsie Vivante (Geneva, 1968), Old Hickory Review (Tennessee, 1970), Crosswinds (Skozja, 1980), bil-Ġermaniż f’Malet - Literatur aus Malta (Berlin, 1987), u bil-Franciż f’Souffles (1998) u Le Jardin d’Essai (2001).

F’Leicester inħarġulu wkoll għadd ta’ poetry broadsheets u ż-żewġ chapbooks: Today I waited u Let now Mdina sleep, b’edizzjoni oħra fl-Olanda. Fenech jemmen fil-validità tal-Letteratura tat-Triq. Hekk, wara li tella’ wirja internazzjonali fil-Librerija tal-Università ta’ Malta, ipproduċa sett limitat ta’ Malta Broadsheets (1975) bil-parteċipazzjoni ta’ sitt poeti u sitt artisti prominenti Maltin. Fl-1979 introduċa l-poeproża lokalment bil-ġabra kontroversjali F’Altamira.

Matul il-Fiera tal-Ktieb 2008 inħarġulu tliet pubblikazzjonijiet f’daqqa: it-traduzzjoni ta’ Il-Profeta ta’ Kahlil Gibran; l-istorja għaż-żgħażagħ Msiebaħ il-Lejl dwar il-ġenerazzjoni Paceville; u Rigby Graham – The Malta Watercolours f’ġieħ l-artist Ingliż li kien beda jikkorrispondi miegħu f’nofs is-sebgħinijiet. Fl-2010 jittama li sseħħlu x-xewqa li jara l-poeżiji tiegħu miġburin fi ktieb wieħed. Sadattant qiegħed jiġbor materjal għal ġabra ta’ tifkiriet soċjo-letterarji bl-isem proviżorju ta’ Mużajk.