kotba - poeżija

il-profeta

(Traduzzjoni ta’ “The Prophet” ta’ Kahlil Gibran, Klabb Kotba Maltin, 2008, 95pp, qoxra: dettall minn “The Boatmen” ta’ Amadeo Preziosi)

il-Profeta
Din hi traduzzjoni magħmula b’reqqa u b’rispett, mixja fl-esperjenza mistika u reali ta’ poeta sublimi daqskemm diskursiv. VF ħadem bl-ispirtu ta’ poeta hu nnifsu, bil-ħsieb li jieħu sehem dirett fil-vjaġġ spiritwali tal-Profeta, kelliem li jsieħeb flimkien is-sens eżistenzjali u s-sens poetiku tal-ħajja. Bi kliem dejjem mirqum, VF jipprovdi verżjoni li timxi bla xkiel, bin-nifs nadif ta’ kitba oriġinali. Ritmi sottili, kadenzi f’posthom, għażla lessikali, binja sintattika: kollox iwassal lil Gibran biex jinħass fl-universalità tiegħu. It-traduttur, sħiħ fil-kelma u fil-frażi, isarraf il-lealtà tat-traduzzjoni f’laqgħa ta’ parteċipazzjoni. Id-dehen ta’ Gibran jinstema’ fin-naturalezza ħelwa tiegħu kollha.
Oliver Friggieri
Kumment kritiku għall-edizzjoni bil-Malti
Ċertament li VF ma setax jagħżel xogħol aħjar x’jirregalalna bil-Malti. “Il-Profeta” ta’ Gibran huwa ktieb li jsaħħrek bil-għerf irraġunat bl-akbar sempliċità, mingħajr xinxilli u tidwir fil-vojt. Fih hemm ir-ruħ semitika li bla dubju tat vantaġġ lil Fenech fil-ħidma tiegħu fuq it-traduzzjoni. Għalih żgur iktar faċli jifhem u jħoss lil Gibran minn kittieba tax-xeħta anglo-sassona li, waqt li japprezzaw il-ġenju tiegħu, ma jsibux ix-xebh tal-ħsieb u l-qalb sinkronizzati daqskemm jidhru li kienu f’dan il-każ.
Charles Flores
“Żewġ kotba ta’ Victor Fenech”,
l-orizzont, 31.12.2008
It is no wonder that VF, one of our veteran poets whose work has consistently been of the highest quality, should have been attracted to Gibran since in many ways the literary style of “The Prophet” resembles that of the poeproża which he has made his own in our language. Moreover, the depth of Gibran’s thoughts must have appealed to the translator whose poetry has always been distinguished by a maturity of thought, imagery, and language. Fenech proves himself a most competent craftsman with words, an artist sensitive both to the original’s words as well as to the cadences and flow of language. The end result is a notable work of art on its own merits, which is an uplifting spiritual experience.
Louis Scerri
“A Maltese prophet”,
The Sunday Times, 1.2.2009
Il-Profeta għandu appell universali minħabba l-filosofija li jipproponi. Biex taqleb biċċa xogħol bħal din trid tkun arkitett tal-kelma. U Fenech jgħaddi minn dan l-eżami bl-unuri kollha… Hemm ċerta ħlewwa li thennik f’din it-traduzzjoni u ċerti kompożizzjonijiet jinstemgħu mużika iktar minn oħrajn…ta’ Fenech hi traduzzjoni profonda li ssaħħrek.
Sergio Grech
“VF l-Arkitett tal-Kelma”,
Il-mument, 26.7.2009
<< Lura